AUG
2
SAJF 2012 MAL-FESTI TA’ NATURALMENT MALTI

 

Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali huwa kommess li jkompli  xerred l-għarfien fuq ilġenwinita tal-prodott lokali fis-setturi tal-grikultura u tas-sajd. Wara li fil-11 ta’ Lulju 2012 ġiet imnedija l-iskema tal-istandard ta’ kwalita Naturalment Malti, il-Ministeru ħaseb u ra li matul dan issajf ikompli bil-kampanja ta’ edukazzjoni u informazzjoni lill-pubbliku Malti billi jenfasizza lbenefiċċji tal-prodott lokali meta kkunsmat frisk u fl-istaġun tiegħu. L-attivitajiet ippjanati ser ikunu dawk tat-Tonn, tat-Tadam u tal-Lampuki. Bħal dejjem dawn l-attivitjiet isiru f’forma ta’ festi sabiex, barra li jgħallmu, iservu wkoll bħala ħarġa differenti u divertenti għall-familja kollha.

 

Festa tat-Tonn

L-ewwel attivita ser tkun il-Festa tat-Tonn, fl-4 t’Awwissu fir-raħal pittoresk ta’ Marsaxlokk, sewwasew fil-pjazza Madonna ta’ Pompei. Din l-attivita se tkun organizzata bl-għajnuna tal-FMAP (Fundazzjoni Maltija tal-Produtturi fl-Akwakultura), tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk u diversi koperattivi tas-sajjieda. Min jattendi ser ikun jista’ jduq tonn frisk imsajjar f’varjeta ta’ riċetti Mediterranji kif ukoll sushi preparati fil-post minn kokijiet professjonali. Min jitħajjar isajjar t-tonn ddar se jkollu l-opportunita li jixtri t-tonn frisk bi prezz specjali għall-okkażjoni. Ser ikun hemm ukoll stands informattivi, fosthom fuq varjeta ta’ ħut li jitkabbar f’Malta permezz tal-akkwakultura, bħallawrat, l-spnott u l-aċċol. Iċ-Ċentru Malti għar-Riċerka fl-Akkwakultura ser ikun qed jesibixxi diversi speċi ta’ ħut li jitkabbru f’dan iċ-Ċentru f’akkwarju kbir. Min jixtieq ftit avventura se jkollu ċ-ċans imur mawra fuq lanċa tas-sajd sa farm tat-tonn ftit ’l barra mill-bajja ta’ Marsaxlokk u hemmhekk issir spjegazzjoni dettaljata fuq il-proċess tat-trobbija tat-tonn min-nies midħla tas-suġġett.

 

Festa tat-Tadam

Ġimgħa wara, jiġifieri bejn il-11 u t-12 t’Awwissu ssir il-Festa tat-Tadam ġewwa Pjazza Orvieto f’Ta’ Kerċem, Għawdex. F’dawn il-ġranet, il-ħsad tat-tadam ikun fl-aqwa tiegħu u l-bdiewa Għawdxin ħasbu sabiex jaqsmu din l-esperjenza mal-pubbliku. L-attivita mifruxa fuq jumejn, ser issir mill- Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex, il-Kunsill Lokali Ta’ Kerċem, produtturi tat-Tadam Maltin u Għawdxin, Għaqda Mużikali San Girgor u Grupp Armar Għajn Tuta. Waqt il-jumejn ser ikun hemm programm ta’ attivitajiet relatati mat-tema talfesta – it-Tadam. Fosthom se jkun hemm żjarat ġo għelieqi tat-tadam fejn il-pubbliku se jkun jista’ jara l-proċess tal-qtugħ tat-tadam u anke jingħata ċ-ċans imidd idu. Se tittella’ kompetizzjoni bi premjijiet għall-aħjar varjeta ta’ tadam, kif ukoll għadd ta’ logħob għat-tfal u għall-kbar. Din ilkompetizzjoni se tkun miftuħa kemm għall-produtturi tat-tadam kif ukoll għal bdiewa oħra. Mhux inqas minn 40 biċċa makkinarju relatati mal-produzzjoni tat-tadam ser ikunu esibiti fil-pjazza. Lingredjent prinċipali tal-ikel li ser ikun qed jisserva waqt l-attivita huwa t-tadam. Dawk preżenti jistgħu jduqu ikel ġenwin filwaqt li jgawdu minn programm ta’ divertiment live fuq il-palk. Il-Ħadd 12 t’Awwissu l-ġurnata tibda’ bis-smiegħ ta’ Quddiesa bl-Għana fil-pjazza u wara marċi brijużi millbanda tal-Għaqda Mużikali San Girgor. Il-wirja ta’ prodotti tat-tadam u prodotti artiġjanali oħra u llogħob ikomplu sa’ nofsinhar.

 

NOTA: Ser ikun hemm servizz ta’ shuttle mill-Imġarr Għawdex sa Ta’ Kerċem u lura matul iljumejn

tal-attivita.

 

Festa tal-Lampuki

Nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Settembru fil-Bajja ta’ Spinola, San Ġiljan, se ssir il-Festa tal-Lampuki. Din il-festa se tkun organizzata bis-sehem tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan u s-sajjieda tal-lokal. F’dan iż-żmien ta’ Settembru l-istaġun tal-lampuki jkun fl-aqwa tiegħu u għalhekk ma jonqosx li wieħed isib jixtri kemm lampuki friski kif ukoll ukoll platti varjati tal-lampuki imsajrin f’diversi riċetti. Se tkun okkażjoni fejn il-pubbliku jingħata informazzjoni fuq is-sengħa ferm antika u tradizzjonali tas-sajd tal-lampuki minn sajjieda u minn uffiċċjali tal-Ministeru. Min jixtieq idur dawra mal-bajja mdawla ta’ Spinola ser jkun jista’ jagħmel dan fuq dgħajsa Maltija. Wieħed għandu jsib ukoll wirjiet ta’ apparat relatat mas-sengħa u dgħajjes tas-Sajd.

 

F’kull attivita ma jonqosx programm ta’ divertiment varjat u kontinwu addattat għall-membri kollha tal-familja. Għal iktar dettalji u informazzjoni tista’ żżur il-website www.mrra.gov.mt, tibgħat email fuq naturalmentmalti.mrra@gov.mt, tidħol fil-paġna NaturalmentMalti, jew iċċempel fuq 22924110/4130.


◄ back