JUL
10
Ta’ Kerċem iċċelebra Festa Kbira

Hekk kif għaddiet il-ġimgħa tal-Festa solenni ad unur tal-Madonna tas-Sokkors, wieħed jista jistqarr li l-poplu Kerċmi ċċelebra Festa kif jixraq. Kemm min-naħa ta’ ġewwa kif ukoll min-naħa esterna saru ċelebrazzjonijiet kbar u organizzati mill-aħjar mod possibli.

 

Nhar il-Erbgħa li għadda ġie organizzat il-kunċert annwali tal-Banda San Girgor bl-isem Crystal Stars. Dan sar fi Pjazza Orvieto quddiem is-sede tal-istess Għaqda. Ta min jgħid li din is-sena il-Banda San Girgor kienet qed tfakkar il-ħmistax–il sena mit-twaqqif tagħha.

 

Imbagħad l-attivitajiet esterni komplew nhar il-ħamis bid-dimostrazzjoni bl-istatwa tal-żewġ Patruni. Għal din id-dimostrazzjoni ħadu sehem il-baned Leone u Santa Marija. Hekk kif il-marċ wasal fi Pjazza San Girgor beda il-briju organizzat mill-Għaqda tal-Armar Madonna tas-Sokkors. Hawn ingħaqdu bosta żgħażagħ Kerċmin li komplew bil-briju sakemm l-istatwa ttelgħet fuq il-padestall fi Pjazza Salvatore Busuttil quddiem folla kbira. Wara l-Għaqda tal-Armar inawgurat il-sorpriża ta din is-sena.

 

 

Il-Ġimgħa saret id-dimostrazzjoni bil-istatwa tal-Madonna tas-Sokkors li bdiet mingħand il-familja Tabone fi Triq Għajn Tuta bis-sehem tal-baned San Girgor u Prekursur. Matul it-triq sar spettaklu ta’ nar tal-ajru min Wied il-Lunzjata. Ftit wara nofs il-lejl sar it-tlugħ tal-vara fuq il-padestall fost il-kant tal-Ave Maria u l-Innu Marċ.

 

Lejliet il-Festa kien karatterizzat bl-ammont ta nies li żaru r-raħal tagħna. L-attivitajiet esterni bdew bi sfilata ta’ marċi mill-baned San Girgor u San Ġużepp li bdew min Pjazza Orvieto u Triq Ġuże` Flores rispettivament. Dan inqagħdu fi Pjazza San Girgor. Il-Banda San Ġużepp imbagħad esegwiet programm mużikali fuq il-planċier filwaqt li l-Banda San Girgor kompliet bil-marċi sa Triq il-Kalandrijiet. Hemmhekk kien hemm folla ta nies sabiex jassistu għall-spettaklu ta logħob tan-nar tal-art. Il-qofol intlaħaq meta inħaraq mudell tal-Forti Sant’ Anġlu.

 

Iċ-ċelebrazzjonijiet nhar il-Festa bdew filgħodu b’pontifikal solenni mmexxi mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech. Għal dan il-pontikal kien preżenti l-President Emeritus Dr. Edward Fenech Adami peress li nhar it-tmienja ta’ Lulju kien jaħbat l-ewwel anniversarju mill-mewt ta’ martu Mary. Kien hemm ukoll preżenti bosta Membri Parlamentari Għawdxin u l-Kunsilliera kollha tal-raħal tagħna.

 

 

Imbagħad fil-11.30am beda l-Marċ popolari ta’ Filgħodu li fih ħadet sehem il-Banda Maria Mater Gratiae ta’ Ħaż-Żabbar. Il-marċ beda min Pjazza Orvieto u baqa sejjer għal Pjazza San Girgor fejn beda briju kbir. Hekk kif il-marċ wasal ħdejn iċ-Ċentru Parrokjali, infetaħ il-cone li kien fih il’ fuq min 4000 bużżieqa sofor u blu. Hemmhekk kien hemm briju kbir min mijiet ta’ Kerċmin.

 

 

Il-qofol tal-Festa nlaħaq fit-8pm hekk kif feċċet fil-bieb tal-Knisja l-xbieha devota t’ Ommna tas-Sokkors. Il-Banda San Girgor daqqet l-Innu Alla Beatissima Vergine del Soccorso u wara akkumpanjat il-purċissjoni madwar ir-raħal tagħna. Sadanittant il-Banda Mnarja esegwiet programm mużikali fuq il-planċier. Hekk kif l-istatwa waslet fuq iz-zuntier sar spettaklu ta’ nar min fuq il-bjut fi Pjazza San Girgor fost il-kant tal-innu marċ. Kif daħlet l-istatwa lura fil-Knisja indaqqet l-antifona filwaqt li Mons. Isqof ta l-Barka Sagramentali.

 

Il-Kunsill Lokali jixtieq jifraħ lill-organizzaturi kollha tal-Festa kbira li ġiet iċċelebrata fir-raħal tagħna.


◄ back