JUL
28
Talenti

Sajf għat-tfal b’differenza.

Il-Kerċem Ajax Football Nursery dan is-sajf qed iniedi attivita novattiva għat-tfal li jixtiequ jużaw l-ġranet tal-vaganzi tagħhom aktar bis-sens. Aħna nemnu li kull tifel u tifla għandhom it-tajjeb tagħhom. Kullħadd għandu x’joffri. Kullħadd għandu l-potenzjal. Ta min jidher u ta’ min forsi għadu moħbi mingħajr ma nafu bih. L-importanti li nagħtu lit-tfal tagħna ċ-ċans li jiskopru u jaħdmu fuq t-talent tagħhom.

 

Ippjanajna li nibdew dawn l-attivita fis-16 ta’ Lulju bi tlett lezzjonijiet fil-ġimgħa, kull nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa. Dawn il-lezzjonijiet jibqgħu għaddejjin għall-matul it-tmien ġimgħat li ġejjin. Ikkuntatjajna nies li l-esperjenza tagħhom żgur ser tgħin sabiex it-tfal iħossuhom aktar komdi jitgħalmu minn dak li għandhom fir-repertorju tagħhom. Iva aħna nemmnu li t-tfal jitgħallmu meta jkunu qed jieħdu gost. Flimkien qedin naħdmu fuq sezzjonijiet ta’ Drama, Kant, Żfin, Arti, Sports u Crafts. Ċerti li bl-għajnuna tal-għalliema professjonali li għażilna, it-tfal qed jingħataw l-għodda meħtieġa biex jiżvilupaw dak li diġa jinsab ġo fihom. 

 

 

Huwa ta’ pjaċir tara’ lil dawn it-tfal jifirħu b’xulxin meta filgħodu jiltaqgħu flimkien qabel tibda s-sezzjoni, titgħaxxaq tarahom jaħdmu flimkien waqt il-lezzjoni u ċertament l-kreattivita tagħhom timeraviljak. Qed ninnotaw d-dixxiplina li għandhom dawn it-tfal, l-imħabba u d-dedikazzjoni li qed juru waqt is-sezzjonijiet tkompli timliena bil-kuraġġ.

 

Għaddew diġa kważi ħmistax il-ġurnata mill-bidu ta din l-attivita u issa qed nistennew bil-ħerqa sabiex fi tmiem dawn it-tmien ġimgħat naraw il-prodott finali li ser joħorġu bih dawn it-tfal. Ser naraw lit-tfal tagħna fuq il-palk, kif ikoll esebizzjonijiet tax-xogħol li jkunu għamlu matul dawn il-ġimgħat waqt serata apposta għal dan il-għan.

 

Il-kumitat tan-Nursery tagħna jixtieq jirringrazzja mill-qalb lill Kunsill tar-raħal li fehem u aċċetta li jagħtina l-għajnuna kollha sabiex din l-attivita ssir realta, lill Għalliema kollha li qed jagħmlu biċċa xogħol kbira ma dawn it-tfal, kif ukoll lill ġenituri li laqgħu s-sejħa tagħna u avdawlna lill uliedhom mal-ewwel sejħa tagħna. Grazzi lill kullmin b’xi mod għen sabiex bdejna proġett li fuqu ser nkomplu nibnu fis-snin li ġejjin.


◄ back