OCT
6
Ħarġa għal anzjani f'Malta - Ottubru, 2012.

Nhar it-Tlieta 2 ta` Ottubru il-Kunsill Lokali ta` Kerċem organizza b`suċċess ħarġa għall-anzjani u residenti ta` Kerċem ġewwa Malta.

 

 

Din is-sena żorna l-Belt tal-Birgu fejn bdejna b`quddiesa ikkonċelibrata minn Mons Ġużeppi Grech li għoġbu għall- darb` oħra jakkumpanja lil dan il-grupp sabiħ ta` 95 persuna. Wara, gwida tal-post tana xi tagħrif  ferm interessanti fuq din il-knisja li għandha l-fuq minn 900 sena u r-rikkezzi li tħaddan.

 

 

Grazzi għas-Sindku tal-Birgu, is-Sur John Boxall u l-Kunsilliera speċjalment is-Sur Lorry Attard, l-istaff u l-ħaddiema tal-Kunsill Lokali tal-Birgu iltqajna għal-kafe fejn ingħatajna trattament vera tajjeb. Ġejna milqugħa ferm tajjeb mis-Sur John Boxall fejn fid-diskors tal-okkażjoni huwa rrefera għal ħbiberija li nibtet bejn dawn iż-żewġ lokalitajiet.

 

Huwa semma wkoll li kemm huwa personali  kif ukoll il-Kunsill tal-Birgu irid u qed jgħin lill-Kunsill ta` Kerċem permezz ta` taħditiet u riferenzi li huma għamlu f`kuntatti li għandhom barra minn Malta biex Kerċem ikun jista jibbenefika minn fondi tal-Unjoni Ewropeja. Huwa faħħar lis-Sindku ta` Kerċem, is-Sur Mario Azzopardi u l-Kunsillier, is- Sur Raymond Azzopardi għal-ħidma tagħhom u tenna li bis-saħħa ta` din il-ħbiberija lest li jkompli jgħin lir-raħal tagħna. Minn naha tiegħu f`diskors li għamel, is-Sindku ta` Kerċem irringrazzja lis-Sur Boxall, l-ewwelnett tal-akkoljenza sabiħa li tawna u tal-għajnuna li lesti li jagħtuna. Huwa qal li is- Sur Boxall huwa sindku ta` esperjenza u  żgur li bl-għajnuna tiegħu nistgħu nibbenefikaw ħafna. Is-Sindku  Azzopardi wera t-tama li nospitaw lil residenti tal-Birgu  fil-Lokolita` ta` Kerċem fiż-żmien qrib. Fi tmiem ta` din il-laqgħa, saru xi skambjamenti ta` xi tifkiriet tal-okkażjoni.

 

 

Wara zorna l-Mużew tal-Gwerra fejn l-anzjani tagħna reġgħu għexu għal ftit mumenti iż-żminijiet koroħ tal-gwerra u dawk iżgħar fiż-żmien, esperjenzaw ukoll dan l-avveniment. Żorna wkoll xelter kbir li kien jintuża fil-gwerra biex jistkennu mill-attakki mill-ajru u l-bombi fil-Belt tal-Birgu. Kellna hin ukoll biex inżuru l-monti kbir li jintrama fil-Birgu. Wara nofsinhar morna ta`Qali u hemm dħalna nżuru l-Mużew  tal-avjazzjoni fejn kellna magħna Gwida apposta, grazzi għas-Sur Franco Ciangura li permezz tiegħu din iż-żjara setgħet tkun possibbli. Minn hemm tlaqna għall-Burrmarrad, eżattament biex wara li nieklu noqgħodu ngawdu u nirrilassaw f`dan il- post trankwill dirett man-natura u b`xeni mill-isbaħ.

 

 

Rajna ħafna għasafar u annimali esotiċi li hemm f`dan il-park u li żgur għal ħafna kienet l-ewwel esperjeza tagħhom. Ta` min isemmi wkoll il-mod ta` kif  il-ħbieb tagħna Kevin u Rita li huma s-sidien ta` dan il-park laqgħuna u b`paċenzja kbira dawwruna ma` dan il-park u spjegaw fid-dettal il-mistoqsijiet li sarulhom mill-ħafna interessati. Zgur li wieħed irid ifaħħarhom għall-ikla buffet li offrewlna u għal-indafa impekkabbli li jżommu f`dan il-post. Nistgħu ngħidu li kulħadd ħareġ sodisfatt. U propju hawn spiċċat din il-mawra tagħna f`Malta.

 

 

Grazzi għall-Kunsill Lokali ta` Kerċem u s-segretaja is-Sra. Marianne Sagona , is-Sur Ray Azzopardi u Oliver Farrugia, Is-Sindku John Boxall u l-Kunsill Lokali tal-Birgu, Is-Sur Franco Ciangura ufficcjal fil-MEUSAC u lil Kevin u Rita tal-Bird Park. Grazzi kbira pero lill-dawk kollha li għoġobhom jiġu għal din il-ħarġa magħna. Urew kooperazzjoni kbira u għamluha ferm faċli biex stajna nimxu mal-programm. Il-fatt li kulħadd ħareġ sodisfatt jagħmlilna kuraġġ biex attivitajiet simili jerġgħu isiru.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


◄ back